old authors
Pubblikazzjonijiet:
PAWLU VI twieled f’Concesio, qrib Brescia fl-Italja, fis-26 ta’Settembru 1897. Missieru kien avukat influwenti li kien responsabbli mill-ġurnal lokali. Minn età żgħira kien juri interess kbir fil-kotba u fit-tagħlim. Minħabba saħħtu ma ntgħażilx għas-servizz militari fl-I Gwerra Dinjija. Studja fi Brescia u Ruma, fejn ggradwa fil-liġi ċivili u kanonika, fit-teoloġija u l-filosofija. Ordna qassis fl-1920, intbagħat jaħdem fin-nunzjatura ta’ Varsavja (1923), u kien id-direttur spiritwali tal-Federazzjoni Kattolika Taljana tal-Istudenti Universitarji (1923-33), li kienu qed jiġu attakkati mill-Faxxisti. Fl-1937 sar assistent fis-segretarjat tal-Istat tal-Vatikan u fl-1952 prosegretarju fis-segretarju tal-istat. Fl-1954 ġie kkonsagrat arċisqof ta’ Milan, fejn ħadem ħafna biex il-Knisja tkun qrib tal-ħaddiema. Fl-1958 sar kardinal (unur li kien irrifjutah sitt snin qabel minn idejn il-Papa Piju XII). Ħa sehem attiv fl-ewwel sessjoni tal-Konċilju Vatikan II f’Ottubru 1962. Wara l-mewt ta’ Papa Ġwanni XXIII fl-1963, l-għażla waqgħet fuqu. Montini ħa l-isem ta’ Pawlu VI minħabba l-interess kbir tiegħu fl-Ittri u fl-ispiritwalità ta’ San Pawl iżda l-aktar għall-approach missjunarju tiegħu bħal tal-appostlu Pawlu. L-ewwel att importanti tiegħu kienet it-tħabbira li l-Konċilju se jkompli. Il-Papa Pawlu VI tlaqqam “il-papa pellegrin” għax bejn l-1964 u l-1970 għamel disa’ vjaġġi barra mill-Italja biex b’hekk sar l-ewwel Papa fi żminijiet moderni li ħareġ barra mill-Italja. Fl-1964 Pawlu VI żar l-Art Imqaddsa. Fl-1965, f’laqgħa storika, flimkien ma’ Athenagoras I, il-patrijarka Grieg Ortodoss ta’ Kostantinopli laħaq ftehim li jħassar l-iskomuniki reċiproċi li kienu saru mill-Knejjes tal-Lvant u l-Punent fl-1054. Iżda forsi l-isbaħ siegħa tiegħu kienet nhar l-4 t’Ottubru 1965 meta sar l-ewwel Papa li ndirizza n-Nazzjonijiet Magħquda (UN) fi New York u l-ewwel Papa li rifes fuq il-kontinent Amerikan. Id-diskors emozzjonali tiegħu qajjem lill-assemblea ġenerali bil-wieqfa f’applaws kbir meta qal il-kliem famuż: “Qatt iżjed gwerra, gwerra qatt iżjed! Paċi, hija l-paċi li trid tmexxi d-destin tal-popli u tal-umanità kollha.” Żar ukoll il-Kolumbja fl-1968, l-Uganda fl-1969, u f’diversi pajjiżi Ażjatiċi, fosthom il-Filippini, fl-1970. Iltaqa’ mal-Arċisqof ta’ Canterbury Michael Ramsey, fl-1966, u ma’ Shenouda III, patrijarka ta’ Lixandra u mexxej tal-Knisja Kopta Ortodossa, fl-1973. Fost il-mexxejja politiċi li ltaqa’ magħhom insibu mexxejja Komunisti bħall-President Nikolay Podgorny tal-Unjoni Sovjetika fl-1967 u l-President Tito tal-Jugoslavja fl-1971. Kien il-262 Papa tal-Knisja Kattolika mill-1963 sal-1978. Ġie ddikjarat qaddis minn Papa Franġisku nhar l-14 ta' Ottubru 2018.